maltarightnow.com - 10 August 2011
L-uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, il-UNHCR, u SOS Malta ippreżentaw ir-riżultati ta' stħarriġ dwar l-imigrazzjoni irregolari u s-sitwazzjoni tar-refuġjati fil-gżejjer Maltin u nidew kampanja ġdida bl-għan li tippromwovi aktar l-integrazzjoni ta' dawn in-nies.
Ir-riċerka li għamlet SOS Malta fost il-popolazzjoni żagħżugħa uriet kif il-perċezzjoni dwar l-imigrazzjoni rregolari inbidlet tul dawn l-aħħar 10 snin.
SOS Malta faħħret ukoll ix-xogħol li qed twettaq l-ETC fil-qasam tat-taħriġ għall-immigranti li jfittxu li jitħarrġu f'ħiliet ġodda kemm idumu Malta.
Min-naħa l-oħra, riċerka tal-UNHCR wriet kif bħalissa madwar 2,500 persuna qed tgħix fl-Open Centres u numru ieħor ta' immigranti qed jgħixu fiċ-ċentru ta' Malta, l-biċċa l-kbira minnhom f'komunitajiet.
L-istħarriġ wera wkoll kif bosta minn dawn il-persuni m'humiex konxji tas-servizzi offruti mill-Kunsilli Lokali u entitajiet oħrajn, filwaqt li ħafna minnhom urew ix-xewqa li jkomplu javvanzaw bl-istudji tagħhom f'Malta, speċjalment biex jitgħallmu l-Ingliż.
Intqal ukoll kif minkejja li bosta immigranti jirnexxilhom isibu impjieg, jitħallsu inqas milli jitħallsu Maltin li jagħmlu l-istess xogħol.
Mill-istħarriġ irriżulta wkoll kif bosta Maltin iħossu li m'għandhomx biżżejjed informazzjoni dwar il-problemi li jiffaċċjaw dawn l-immigranti meta jippruvaw jintegraw irwiehhom.
Waqt it-tnedija ta' din ir-riċerka, spikkat ukoll l-esperjenza personali ta' żagħżugħ mill-Gana li tkellem dwar kemm ilu jgħix Malta u l-problemi li jiltaqa' magħhom. Huwa wera wkoll l-apprezzament tiegħu għall-ħidma tal-Gvern Malti u tal-poplu Malti b'mod ġenerali.
Il-kampanja li nidew iż-żewġ organizzazzjonijiet jisimha "Do 1 Thing for the 1 Campaign" - u hi intiża li tħeġġeġ kemm individwi kif ukoll NGO's biex jorganizzaw attivitajiet li jżidu l-kuxjenza dwar is-sitwazzjoni tal-immigranti f'Malta.