maltarightnow.com - 30 October 2012
By Charles Muscat
Il-volontarjat fil-komunità jista' jkollu rwol importanti ħafna biex titjieb il-kwalità tal-ħajja u għalhekk l-inizjattivi fil-komunità jridu jimxu id f'id mal-policies tal-Gvern biex jonqos il-piż fuq il-carers.
Dan joħroġ mill-konkluzjonijiet ta' riċerka li għamlet SOS Malta dwar il-volontarjat fil-komunità u li kienu ipprezentati waqt konferenza bit-tema, Informal Carers and Volunteering in the Community.
Għal konferenza attendew diversi organizzazzjonijiet tal-volontarjat u policy makers. Fost il-kelliema kien hemm Joe Cassar, il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità, Claudia Taylor East, il-Kap Eżekuttiv ta' SOS Malta, Lorna Muscat, Project Manager ta' SOS Malta, Nora Macelli, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni St Jeanne Antide u Rob Jackson, konsulent mill-Ingilterra.
Claudia Taylor East qalet li l-iskop tal-konferenza hu li l-informal carers, jiġifieri dawk li qed iduru jew iżuru xi anzjani jew persuni oħra vulnerabbli fi djarhom għandhom bżonn iktar appoġġ. Hi qalet li billi SOS Malta tħaddan politika ta' volontarjat, fejn il-volontarjat hu wieħed mill-pilastri tal-ħidma tagħha, ħasset li hemm bżonn li tibda tiddiskuti ma dawk kollha involuti fil-volontarjat mal-awtoritajiet dwar kif il-volontarjat fil-komunità jista' jissaħħaħ biex jittaffa l-piż tal-carers li qed jagħmlu xogħol mal-anzjani, mal-morda jew mat-tfal fi djarhom.
Il-Ministru Joe Cassar appella lil għaqdiet tal-volontarjat biex jaqsmu l-informazzjoni u jagħmlu ħidma konġunta. Hu appella wkoll biex aktar għaqdiet volontarji jaħdmu biex jgħallmu l-użu tat-teknoloġija lil dawk li ma jafux jużaw il-mezzi moderni tal-komunikazzjoni bħal kompjuter u l-internet.
Mill-istħarriġ ta' SOS Malta jirriżulta li l-parti l-kbira ta' dawk li jagħmlu xogħol volontarju ta' carers ma anzjani u ma tfal għandhom bejn l-40 u d-59 sena.
L-akbar problema li wieħed isib biex jagħmel xogħol volontarju hi n-nuqqas ta' ħin għalih u għal familja. Problema oħra li jiltaqgħu magħha l-għaqdiet volontarji hi l-piż finanzjarju. Jirriżulta wkoll li 57% ta' dawk li qalu li lesti jagħmlu xogħol volontarju jixtiequ jagħmlu xogħol ta' għajnuna fid-djar mal-anzjani.
Il-Ministru Joe Cassar irringrazzja lil dawk kollha li huma involuti fil-volontarjat għax bix-xogħol tagħhom qed jgħinu biex persuni vulnerabbli jgħixu kwalità ta' ħajja aħjar.