maltarightnow.com (Youth Upbeat)
L-istudenti tal-Form 2 u Form 3 tal-iskejjel sekondarji ta' Malta u Għawdex huma lkoll mistiedna sabiex ikunu parti mill-progett "Youth Upbeat", proġett mifrux fuq sena ko-finanzjat mill-Fond Ewropew għar-refuġjati.
Dan il-proġett hu inizjattiva ta' SOS Malta flimkien mal-Aġenzija Żgħażagħ u għandu l-għan li t-tfal u ż-żgħażagħ Maltin jitgħallmu dwar il-ħajja u l-kultura Afrikana, kultura totalment differenti minn ta' pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-żgħażagħ u l-Isport Clyde Puli żar Villa Psaigon f'Ħad Dingli, fejn qed jitellgħu diversi workshops minn numru ta' refuġjati li ngħataw taħriġ minn SOS Malta sabiex ikunu parti minn dan il-proġett.
Clyde Puli spjega kif Villa Pasigon hi l-post addattat għal dan il-proġett għaliex hi ċentru ta' edukazzjoni, post fejn l-istudenti jinqatgħu mill-ambjent formali tal-iskola u fl-istess ħin xorta qed jirċievu edukazzjoni aktar interattiva.
Miriam Theuma, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenżija Żgħażagħ spjegat kif ir-refuġjati magħżula, b'kollox erbgħa, kollha għandhom stat ta' refuġjat jew Subsidiary Protection Status. Huma ngħataw taħriġ u fl-istess ħin opportunità ta' impjieg.
S'issa aktar minn 400 student u studenta minn diversi skejjel ta' Malta u Għawdex żaru dan iċ-ċentru, Youth Activity, fejn qattgħu nofs ta' nhar jitgħallmu dwar il-kultura Afrikana.