SubPage Banner

News Details

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 


Il-Professur Wain jittama f'bidla fil-mentalità

Posted Date: 10/04/2013

Il-Professur Wain jittama f'bidla fil-mentalità

 

Il-Professur Kenneth Wain wera tħassib għall-fatt li f’pajjiżna għadna nassoċjaw il-volontarjat mal-idea tradizzjonali ta’ għaqdiet filantropiċi u spjega li minkejja li saret il-liġi li tirregolahom, xorta waħda baqgħet din il-perċezzjoni żbaljata. Qal li dan qed iwassal biex ma jkunx rikonoxxut il-valur politiku li għandhom dawn l-organizzazzjonijiet. 

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, li saret qabel it-tnedija tal-programm ta’ għoti ta’ fondi lil organizzazzjonijiet volontarji mill-EEA u n-Norway Grants, il-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji, Wain, spjega kif l-għaqda non-governattiva, SOS Malta qiegħda taħdem għall-ewwel darba bħala l-operatur ta’ dawn il-fondi. 

Wain fakkar kif fl-2007 saret liġi li tirregola l-organizzazzjonijiet volontarji biex dawn jaħdmu b’mod aktar trasparenti. Il-Professur Kenneth Wain ikkritika l-fatt li b’din il-liġi mhuwiex mandatorju li l-organizzazzjonijiet volontarji jkunu rreġistrati mal-kummissjoni mwaqqfa apposta għal dan il-għan. 

Il-Professur Wain tenna li jrid ikun rikonoxxut il-valur politiku ta’ dawn l-organizzazzjonijiet u li jkollhom irwol importanti fi kwistjonijiet soċjali. Qal li din hi t-tama ambizzjuża li għandu u sostna li issa ċ-ċans biex issir enfasi fuq dan is-settur. 

Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll il-kelliema mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tan-Norveġja, Mette Joranli li spjegat għaliex il-Gvern Norveġiż qiegħed iqassam dawn il-fondi. Spjegat li bejn l-2009 u l-2014 se jkunu tqassmu €1.8 biljun lil 15-il stat. Qalet li l-fondi ġejjin mill-Iżlanda, minn Liechtenstein u min-Norveġja bil-għan li jitnaqqsu d-differenzi ekonomiċi u soċjali fiż-żona ekonomika Ewropea. Qalet ukoll li l-għan ta’ dawn il-fondi huma biex ikun hemm aktar ċittadini attivi favur id-demokrazija u biex tingħata l-għajnuna lil dawk in-nies li huma l-aktar vulnerabbli. Barra minn hekk, semmiet il-bżonn li tixxerred aktar kuxjenza dwar in-nuqqasijiet soċjali li jeżistu.

More

Quick Search