SubPage Banner

News Details

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 


Sitt organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) oħra megħjuna bil-Fond ta’ Ko-Finanzjament għall-N

Posted Date: 18/04/2011

Department of Information - 18 April 2011

F’sentejn u nofs il-Gvern għen 16-il proġett ta’ NGOs jassorbu €11.7  miljun f’fondi Ewropej

Sitt organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) li akkwistaw fondi mill-Unjoni Ewropea biex iwettqu proġetti taħt diversi programmi ta’ finanzjament, se jirċievu għajnuna finanzjarja addizzjonali permezz tal-Fond ta’ Ko-Finanzjament għall-NGOs imħaddem mis-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika.

L-NGOs li din id-darba qed igawdu minn dan il-Fond ta’ Ko-Finanzjament huma l-Fondazzjoni Temi Zammit bi tliet proġetti, SOS Malta, l-Oratorju Don Bosco, il-Mużew tal-Avjazzjoni, il-Fondazzjoni Belt Victoria u s-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu.

Bejniethom dawn is-sitt NGOs qed jimplimentaw tmien proġetti differenti u b’kollox se jkunu qed jirċievu €126,158. L-ewwel pagament, ekwivalenti għal 50 fil-mija tat-somma totali, ingħatalhom waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret illum fil-Mużew tal-Avjazzjoni f’Ta’ Qali u li kienet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari Chris Said.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said spjega li meta NGO u ħafna entitajiet oħra jissottomettu proġett għall-finanzjament taħt wieħed mill-programmi tal-Unjoni Ewropea, dawn ikunu jafu sa mill-bidu nett li jkunu jistgħu jakkwistaw sa 85 fil-mija tat-total tal-proġett. Dan ifisser li huma jkunu jridu joħorġu l-15 fil-mija. B’xorti ħażina, sa ftit tas-snin ilu, ħafna ideat u proġetti tajbin kienu qed isiru b’diffikulta’ kbira għaliex għal numru ta’ NGOs, anki dawk il-15 fil-mija jistgħu jkunu ħafna.

Kien propju għal din ir-raġuni li fl-2008, is-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali kien waqqaf il-Fond ta’ Ko-Finanzjament għall-NGOs li permezz tiegħu il-Kunsilli Lokali jingħataw għajnuna finanzjarja li tkun tkopri parti sostanzjali minn dawk il-15 fil-mija li jkunu jridu joħorġu huma sabiex iwettqu l-proġett b’suċċess.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li bejn l-2009 u l-2010, dan il-Fond ta’ Ko-Finanzjament għall-NGOs għen 16-il proġett differenti minn total ta’ 23 proġett li kienu sottomessi. Bejniethom l-NGOs li bbenefikaw mill-Fond, assorbew €11.7 miljun f’fondi Ewropej. Il-Fond ta’ Ko-Finanzjament għen dawn l-istess proġetti b’€437,000 addizzjonali. Chris Said qal li kieku l-Fond ta’ Ko-Finanzjament ma kienx jeżisti, parti minn dawn il-fondi Ewropej setgħu jintilfu.

Is-Segretarju Parlamentari Said qal li hemm aktar applikazzjonijiet pendenti u li qed jiġu evalwati mill-Bord li jamministra l-Fond. Hu ħeġġeġ aktar NGOs biex jinfurmaw rwieħhom u jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom sabiex huma wkoll igawdu mill-finanzjament u l-għajnuna pprovduta mill-Gvern.

Il-proġetti li llum kienu megħjuna permezz tal-Fond ta’ Ko-Finanzjament huma dawn li ġejjin:

Il-Fondazzjoni Temi Zammit għandha tliet proġetti.

Mediterranean Intermodal Transit – dan il-proġett hu bbażat fuq it-trasbord u l-ġarr tal-merkanzija minn u lejn portijiet ewlenin li jinsabu fin-naħa t’isfel tal-Mediterran. Il-proġett għandu l-għan li joħloq strateġija ta’ mmaniġġjar integrata dwar kif dan il-portijiet jistgħu jaħdmu aktar flimkien.

Responsible Industries of the Mediterranean - dan il-proġett hu mnebbaħ mill-Green Paper  tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Qafas Ewropew għall-Corporate Social Responsibility. Il-proġett hu maħsub biex jintroduċi dan il-kunċett f’intrapriżi privati li joperaw fil-Mediterran. Għandu jgħin ukoll biex il-ħaddiema jsiru aktar konxji ta’ erba’ oqsma partikolari: l-immaniġġjar tar-riżorsi umani; is-saħħa u s-sigurta’ fuq il-post tax-xogħol; kif ħaddiem jaddatta ruħu għall-bidliet; u l-immaniġġjar aħjar tal-ambjent u r-riżorsi naturali.

Plan4all – dan il-proġett jittratta l-immanniġġjar tal-ispazju u permezz tiegħu se jittellgħu diversi fora fuq livell Ewropa li jittrattaw Spatial Data Infrastructure. Ladarba Malta taderixxi mal-metodi kif tiġbor u żżomm l-informazzjoni dwar ‘spatial planning’, tkun qed timxi mad-Direttiva Inspire.

Is-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu għandu proġett bl-isem ‘Discovering Cultural and Religious Tourism in Gozo’. Il-ħsieb wara dan l-investiment huwa li l-mużew ikun attrezzat kif jitolbu l-ħtiġijiet ta’ mużewijiet fid-dinja tal-lum u allura jiġbed turiżmu reliġjuż lejn pajjiżna b’enfasi lejn il-Gżira ta’ Għawdex.  Ix-xogħol fuq il-mużew ser jikkonsisti filli jsir xogħol strutturali, sistemi ġodda ta’ dwal, preżentazzjoni awdjo-viżiva tal-ħajja ta’ Karmni Grima. Se ssir sistema ta’ użu mill-enerġija solari biex hekk jitnaqqas il-ħela tal- enerġija u emissjonijiet tal-karbonju. Max-xogħlijiet li ser isiru fil-Mużew ser jiġu rrestawrati ukoll 12-il pittura ta’ Joseph Briffa li jinsabu riprodotti fil-mużajk fis-Santwarju Ta’ Pinu. Dan il-wirt aritistiku juri 12-il episodju mill-ħajja tal-Madonna u li kien sar bejn l-1948 u l-1952. 

Il-proġett ta’ SOS Malta, imsejjaħ ‘Empowering Private Sector Employees through Volunteering’ hu mnebbaħ mill-fatt li l-2010 kienet is-Sena Ewropea tal-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali u l-2011 hi dedikata għall-Volontarjat. Dan il-proġett għandu l-għan li jħeġġeġ lis-settur privat u lill-impjegati tiegħu biex jikkontribwixxu fil-qasam tal-volontarjat b’mod partikolari fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Il-proġett tal-Oratorju Don Bosco jismu ‘New Spring for Gozo Youth’ u jinvolvi t-tfassil ta’ programm ko-ordinat sabiex tissaħħaħ il-formazzjoni taż-żgħażagħ Għawdxin b’tali mod li dawn jilħqu l-potenzjal tagħhom.

Il-proġett The making of a people – A Cultural and Historical Eco-Museum’, immexxi mill-Fondazzjoni Belt Victoria, jinvolvi l-ħolqien ta’ Mużew u Ċentru dwar il-kultura u l-istorja tar-Rabat Għawdex. L-idea hi li dan iċ-ċentru, fil-qalba tar-Rabat, joffri esperjenza unika lill-viżitaturi. L-għan hu li permezz tiegħu jintlaħqu udjenzi varji inkluż turisti, viżitaturi Maltin u l-komunita’ Għawdxija b’mod partikolari dik Rabtija. Barra minn hekk il-komunita’ artistika Għawdxija se jkollha post ġdid fejn tesebixxi x-xogħlijiet tagħha. Dan għaliex iċ-ċentru se jkun fih ukoll spazju għal wirjiet temporanji u fih se jkunu jistgħu jiġu organizzati konferenzi u seminars.  Fil-Mużew se jkunu esebiti għadd kbir ta’ oġġetti ta’ importanza storika u artistika. L-istorja tal-komunita’ Għawdxija u tal-identita’ tagħha se jkunu rakkontati b’mod innovattiv u għal dan il-għan se jintużaw ukoll għodda elettroniċi u awdjo-viżivi.

Il-Malta Aviation Museum akkwista finanzjament biex permezz tiegħu jibni hangar ġdid imsemmi ‘The Air Battle of Malta Memorial Hangar’ u b’hekk ikun jista’ jesebixxi aħjar il-fdalijiet tal-ajruplani tat-Tieni Gwerra Dinjija.  B’hekk il-viżitaturi jingħataw esperjenza aħjar meta jżuru l-mużew li din l-NGO għandha f’Ta’ Qali.

More

Quick Search